Malta, Birkirkara

Here are the poems which were read during the event organised in Birkirkara Malta on 27th September 2013

 

INSELLIMLEK POEŻIJA

 Insellimlek poeżija

f’versi, linji imxerrdin
esperjenzi li f’ħajjitna
jħallu wied bla tarf, bla tmiem.

 

Fost ġrajjiet illi jinħolqu
minn mixjiet l-umanità
b’ironija int tpinġihom
bi ftit ħlieq jew verità.

 

Fuq passat u lejn ġejjieni
l-istaġun f’mitt ħolma jfur
tal-barrani, tal-ġewwieni
ħsus l-istorja jimlew jum.

 

Taf titkellem fuq elf ħaġa
dwar il-kotra u l-ġirien
mewt, twelid, biki u hena,
tnebbaħ ġmiel il-moħħ għajjien.

 

L-ambjent tolqot f’ward imrawwem
’l hinn minn xtutna timraħ sfieq
l-art, il-baħar, sa ġol-qamar
l-annimal titfissed bih.

 

Ġenn il-patrija, l-art imbiegħda
reliġjon, politka tmiss
tgħarbel sewwa li hu tajjeb
il-ħażin topponi fis.

 

Ħsieb, kuntrasti, x’hemm fil-bniedem
tidħol sew sa ssib il-fond
tal-imħabba, tal-mibegħda
qirda, firda, kull konfront.

 

Kemm poeti, kemm għalliema
żewquk f’għanja ta’ ritmiet
sentimenti, kliem imqanqal
iddomm f’serħ ħlew it-talbiet.

 

Insellimlek poeżija
ħeġġeġ triqtna fl-onestà
kebbes fina ispirazzjoni
ibqa’ tina identità.

 

MIRIAM CAMILLERI
 
GĦALXEJN  
Onfħu bil-qilla rwiefen
Fuq iġsma, sliem u djar
xemgħethom qiegħda tlebleb
qed jgħib tad-dawl ix-xrar.
ifaqqa’ l-isparar
iċaqċaq fuq il-kranji
u jifqa’, jċarrat  l-isdra.
Ħlift gwerra fuq iż-żgħar.
Tgħallimt bħal seqer naħfen
Intaħħat bħall-ispnar
Tgħallimt qawwet l-azzar.
Taħbita fuq il-bieb
Min hemm, min ġie jittanta
l-irħieb ta’ din id-dar??

 

Jiena il-paċi tant mixtieqa.
Il-paċi tturufnata
Mill-qlub ta’ tant erwieħ.
il-paċi li l-ħakkiema
ibewġu fost l-uġigħ.
Il-paċi…il-paċi…
Ġibt sliem, ġibt il-mistrieħ
Il-paċi tant mixtieqa
Iftħuli minnufiħ.

 

Bejn dritt u dmir hemm baħar
Kbir, fond daqs ir-raġuni.
U ħlift li nagħmel gwerra
Għax fl-għalqa qed jidħluli
Hemm gost sadist fil-foga
Hemm gost sadist fl-uqigħ
Hemm gost sadist fil-ħakma
Hemm gost sadist fl-uġigħ.

 

Il-qiegħa xmara ħamra
l-għajnejn xmariet ta’ dmugħ
id-djar xmariet ta’ mejta
bil-paċi jieħdu r-ruħ
iftħuli l-bieb ħa nidħol
ħa nnixxef dan id-dmugħ
il-paċi jien…il-paċi
mhux firda nġib’, mhux biki
imma sabar lill-miġruħ
u faraġ lill-imdejjaq
jien spalla tal-mitruħ.

 

Le…le…qatt iktar paċi
Le… le qatt iktar ferħ
Ħadd iktar ma jsib serħ.
Hemm gost sadist fil-bombi
Hemm gost sadist fl-uqigħ
Hemm gost sadist fil-ħakma
hemm gost sadist fl-uġigħ.
M’hawnx postok f’din l-arena
Mur, warrab minnufih.

 

Għalxejn mat-trux nissara
Bil-ħlewwa ‘l-mutu nsieħ
Għalxejn maktur inxejjer
Bil-bjuda ta’ ġo fih
Id-dinja sfat mixegħla
Ta’ nar u ta’ theddid
Arena gladjaturi
Pajżana kontra s-sid
U jien il-paċi mbierka
Tkeċċejt donni għafrit
Għalxejn, għalxejn nittallab
In-nies mhux tisma’ trid.
Sabbtitli l-bieb ma’ wiċċi
Rat fidwa fit-taqbid
Għalxejn ja paċi tokrob
Il-bniedem sar imqit.

 

THERESE PACE

 

BARRIERS 

 

Among perfidious nettle
the she buds struggle
stifled, belittled,
missing out on the sunlight
that would have made them flower

 

half-alive-half-dead girl blossoms
intrusions dwarf and humble.
Barred, they do not fly. They dawdle
minds closed into arrest
wings closed inside surrender.   

 

theirs is a garden of promise
the impudent catch weed suffocates
for fear of their rousing
squash and override are the handicaps
they bear with formidable endurance

 

The sun, it has been proved,
will not light up a shadow
until the barrier moves.
Their barriers are male bulwarks: strong,
ingrained. Blockers intending to stay put.

 THERESE PACE

 

DID-DARBA

Id-dinja mdendla b`xagħra
Qegħdin ngħixu mkexkxin
Kull wieħed lest għall-iehħor.
Ser naqbdu lkoll f`xulxin.

 

Din mhix ġlieda qaddisa,
Li t`Alla għandha l-barkiet,
Ser nħallu lil uliedna,
Jinqatlu f`ħalq l-imwiet.

 

Ser nerġgħu mmorru lura
Lura għal dak iz-zmien,
Fejn żeffinna lil  dinna
Fil-ġlieda tal-ġirien.

 

Ser jerġgħu tan-nofs qamar
Joħduha mas-salib
U jħallu wiċċ id-dinja
Fil-ħerba w it-taqlib.

 

Għax jekk terġa` għad-dinja
Tfaqqa’ t-tielet waħda,
Nibża` li jasal tmiemha
Mill-ħajja tisfa mċaħħda.

 

Did-darba iżjed w iżjed,
Mhux se jkun hawn rebbieħ,
Għax b`għafsa ta` buttuna
Jinqala` l-għerq mill-qiegħ. 

 

NINU BORG

 

KOPJI

Min se jaqsam miegħi
l-aħħar bżieżaq tal-arja
fil-fond għammieq tal-ibħra?
Min se jlaqqat miegħi
l-aħħar qatriet tal-ilma fid-deżert?

 

Is-snin qaddmuni
u waqt li jimbuttawni ’l quddiem
lura joħduni
minn fejn bdejt.

 

Issa li drajt nimmansa l-ġlieda
kontra t-tmiem inevitabbli tiegħi,
ikolli nordom miegħi
l-oriġinal
u nħalli wrajja
kopja ta’ ħajti,
sabiex ħajj’oħra
tibda tgħix minfloki
xħin tibla’ l-ewwel nifs mill-fdal ta’ rmiedi.

 JOE SALIBA (L-AWSTRALJA)

 

PAWSA

F’moħħi tqil briksa tas-siment
imħaffra minn ġewwa
jirbumbjaw l-ilħna ta’ Sponge Bob, Ricky Sprocket
it-twerżieq bla sugu t’I Carley, l-avventuri ta’ Dora
u l-bawxati nostalġiċi ta’ Pippi Calzelunghe.
Nistaqsi lili nnifsi f’liema stat wasalt
warrabt bla ma ridt l-aħbarijiet
tar-Rai u l-BBC, tal-iSky u l-NBC
u ġarrabt bla ma ridt il-bla bla
tal-One u n-Net TV
Malta fix-xifer jew Malta ġenna tal-art?

 

X’aħna sbieħ min jaf jarana
minn dal-wied tad-daħq erfagħna
jiġri x’jiġri lkoll belhana
u mil-loppju qatt xebgħana
Pulċinella ieqaf magħna.
 
Nagħfas il-buttuna biex nirrifletti
mal-programmi tar-riċetti,
qliezet ta’ taħt u riċipetti
nieħu nifs daqt nirremetti
tal-patata u ċ-ċikkulata
viva Malta mmakulata!
Ħasel idu mill-ġdid Pilatu
poplu Malti ċippitatu…

 

Din il-qagħda nazzjonali
bis-servizzi professjonali
prostituti u rigali
qaddisin martri murtali
żomm imqajjem sal-finali
u nistaqsi lili nnifsi
liema huma l-iktar banali
il-kartuns stupidi tat-tielet millennju
l-ispettakli ultra medjokri tax-xarabank
jew it-tbissim falz tal-irjus ippopotami?
Minn dan kollu liema nippreferi
l-animazzjoni kkulurita
l-jum kollu tipnotizzani
jew l-aħbarijiet mil-lewn griż u iswed
                                                kwotidjani
ta’ stejjer imdemmija,
t’umanità bla mistħija, wild l-ipokrisija?

 

X’aħna sbieħ min jaf jarana
minn dal-wied tad-daħq erfagħna
jiġri x’jiġri lkoll belhana
u mil-loppju qatt xebgħana
Pulċinella ieqaf magħna.
 
Nagħfas il-buttuna biex nirrifletti
mal-programmi tar-riċetti,
qliezet ta’ taħt u riċipetti
nieħu nifs daqt nirremetti
tal-patata u ċ-ċikkulata
viva Malta mmakulata!
Ħasel idu mill-ġdid Pilatu
poplu Malti ċippitatu…
 
Ninħakem għal waqtiet twal minn ħoss żarżira
jobroxli l-menti minn ġewwa
ninqata’ mill-arja mniġġsa madwari
minn ħuti lsiera tad-dnewwa
nistaqsi x’għamilna bis-sewwa.

 

PATRICK SAMMUT

 

LEBBRA

 

Quddiemi telefown
li meta jċempel
inwieġeb biex nirringrazzja lill-qlub ġenerużi.
Madwari dwal u mużika
u ħafna appelli biex is-semmiegħa jkunu ġenerużi.

 

Fuq il-lemin ta’ ħarsti jinsab skrin kbir.
Kultant juri klipps ta’ nies deformati
oħrajn b’feriti miftuħa bid-dubbien fuqhom.

 

Qishom films ta’ żminijiet oħra.
Qisu li f’ċertu nħawi tad-dinja ma sarx progress.

 

Il-lebbra, li titfejjaq f’pajjiżi bħal tagħna b’kors pilloli,
hawn qed teqred, qed temarġina,
qed timxi minn persuna għall-oħra.

 

Missjunarji qed iħabbtu fuq qlubna
fuq il-kuxjenza tagħna.
Qed jistednuna ngħixu l-missjoni tagħna ta’ bnedmin
il-missjoni li nħobbu
il-missjoni biex intaffu s-sofferenza ta’ ħaddieħor
il-missjoni li nġorru l-hemm tagħna u ngħinu xorta fl-hemm ta’ ħaddieħor.

 

Il-missjunarju ftit ieħor se jitlaq
bil-flus u bil-pilloli
biex iwassal fejqan, tama,
biex iwassal ftit imħabba.

 

Għal xi wħud se jkun miraklu ta’ fejqan
miraklu ta’ riċerka
miraklu ta’ solidarjeta.

 

F’din id-dinja mimlija interessi personali
u gwerer ta’ kull tip
għad hawn min jaf iħobb lill-għajru bħalu nnifsu.
EMMANUEL ATTARD CASSAR

 

 

DESERT ROSE OF YEMEN

Desert Rose of Yemen
alone in barren land ,
watered by the tears
and the blood of the martyrs
which drained through the sand.

Your flower smiles at the sun
hoping that one day
butterflies will fly freely,
and move from one flower to another;
peacefully.
Likewise I send a message in a bottle
and leave it floating on the calm Mediterrean sea:
Peace, Salam, Shalom –
pentecostal phenomenon.

Desert Rose of Yemen,
which survived the scorching sun
and the drought,
long will you live
in everlasting peace.

 

OMAR SEGUNA

 

PAĊI?

 

Kulħadd jippriedka l-paċi
u jbiegħu l-armamenti.
Jitkellmu dwar diżarm ta’ħafna armi
u jivvintaw oħrajn sofistikati.
Jgħidu ma jridux gwerrer
u jħarrġu lis-suldati għat taqbid.

 

U jtennu li jridu l-paċi,
imma liem paċi jridu?

 

Il-paċi mhix tpaċpiċ b’diplpmazija,
mhix frott tal-anarkija,
jew ħsad demokrazija.

 

Il-paċi ma tinbitx fil-kmamar tas-senat,
jew f’dawk parlamentari,
il-paċi mhix affari
li jwelled il-kungress.

 

Il-paċi titrawwem fertili
minn qalb il-verita’,
toktor u tagħti l-frott tagħha,
fejn hemm is-sinċerita’.
Il-paċi ma tinbieħx,
lanqas, ma titpartatx,
il-paċi ma tinxtarax,
imma tinkiseb bl-imħabba,
bil-maħfra, b’tolleranza,
u b’rieda tal-azzar.

 

CHARLES MIFSUD

 

L-IMĦABBA TAL-ISTILLA POLARI

 

Xi mkien fit-tarf tad-dinja, fi saltnet is-silġ dejjiem
hemm dik l-istilla, kewkbet is-safar,
biljuni snin bla heda timraħ f’ħolm qadim.
B’tebgħa dawl qawwarija
fil-ħemda kiesħa tal-lejl polari
titniehed waħdanija,
għad-dija u għas-sħana tal-polu l-ieħor wisq tkun għatxtana…
Għax taf li hemm kostellazzjoni fejn jgħammar hu,
imqawwar b’dawl leqqien,
għaliha, isbaħ mill-awrora, xħin sema jibda jkanġi lwien.
Waqt li tkun toħlom li qiegħda fi ħdanu
il-qawwara tagħha tibda ttajjar xrar,
għal din l-imħabba m’hemmx il-ħin u l-beraħ,
hi tkun eterna bejn bint it-Tramuntana
u iben in-Nofsinhar!

 

YANA PSAILA

 

MHUX LI KIEN

Mhux li kien kont immexxi,                                                    Mhux li kien kont insewwi,
ħalli nagħmel kulħadd ferħan,                                                          biex neħles minn dak li tkisser;
biex il-popli jimtlew serħan,                                                   u sew jigi, x’ħin infisser,
u b’hekk f’paċi nirnexxi.                                                          dak li b’għaqal indewwi.
Mhux li kien ma hawnx għejra,                                              Mhux li kien kont l-akbar Re,
u l-għaqda titkabbar fin-nies,                                                 ħalli nikkmanda b’ġustizzja,
biex ħwejjeġ jitgawdew bla qies;                                           u negħleb dik il-malizzja,
b’din fhemti tibqa’ sejra.                                                        li għat-tajjeb qalet le.
Mhux li kien infawwar b’ġid                                                   Mhux li kien dawn iseħħu,
biex inqassam lil dawk fil-bżonn,                                            biex bihom nagħmel ħafna ġid,
u nimla lil kulhadd b’xi don,                                                   u fuqhom il-ġens ikun sid,
jew b’xi rigal mogħti fl-id.                                                      biex flimkien l-għajb inneħħu.
Mhux li kien jien infejjaq,
ħalli marid ma nara ħadd,
u saħħa, nixtieq nies bla għadd,
għax din twarrab id-dwejjaq.
Mhux li kien naqleb rotta,
biex niskansa nies minn ħabta,
jew waqa’ mill-għoli b’sabta,
u nifxel dak l-imbotta.
Mhux li kien għandi ħila,
li neqred dak li nhux sewwa,
biex dan jinbidel għal ħlewwa,
f’tajjeb, bħad-dawl tal-ftila.
Mhux li kien ftehim inġib,
biex il-gwerer kollha jieqfu,
għaliex imbagħad mill-ġlied nieqfu,
u  madwarna sliem insib.

 

JOSEPH BONNICI

 

TEARS

When you see
the skinny little child
wandering in no man’s land,
lost in a maze of inhumanity,
irrational,
those innocent, watery eyes,
begging to be picked up
from neglect, anguish, destitution and hunger,
your heartbreak follows suit in tandem…

You ask a million whys
you ponder a million hows
you anticipate a million whens…

You feel that your pleas are drowned
in an ocean of uncertainty…

Tears, the child’s and mine,
stream upwards
doing stairways to Heaven,
where each prayer is sorted out and answered
in His good time.
Those rainbow droplets imbued by the Light,
crystals of hope streaming downwards
to ease the pain, to free the woeful plight!

RAYMOND GRECH

 

HENA DEJJIEMI

Ħaxixa li tikber
minn qalb il-konkrit,
irrid kieku nkellmek
biex insir naf ftit
kif mill-ebusija
erdajt ġewwa l-vini
dik ħajtek li biha
inħossok thennini.
Il-griż ta’ madwari
qed tikser bi lwienek,
iż-żiffa li tbandlek
qed tkattarlek ġmielek.
Qisek tfajla f’ħolma,
tiżżeffen mar-riħ,
l-inkwiet int tnessini,
inħossni nistrieħ.
Bħalek nixtieq jiena
fil-ħajja ta’ dwari
ngħix f’hena dejjiemi
għalkemm ninsab f’xagħri.

 

JOHN MALLIA

 

 

ORQOD,  MARTINA ORQOD

 

Orqod, Martina orqod!
Dak mhux ir-ragħad jinstema’ qed ikarwad.
Dawk mhux sajjetti jleħħu fis-smewwiet.
F’din il-lejla ta’ tempesta,
Sod widnejk biex ma tismgħax,
Għajnejk għalaq u tarax
X’hemm lil hinn minn din l-isteppa
Fejn il-qamar illum ma jiddiex
Għax qed jifga mid-dħaħen sewdiena
Li nbeżqu mill-ħluq tal-kefrin.

 

Orqod, Martina orqod
W’oħlom ħolma sabiħa
Li qed tiġġerra f’imsaġar ħadrana
Mingħajr irbit u xkiel
Ħdejn nixxigħat ifawru l-ilma ġieri
U friefet sbieħ jersqu lejk mill-widien.
Mir-rand agħmel kuruna sabiħa
Għal fuq rasek u fiss itlaq iġri
Fil-beraħ tal-ħolqien.
Imbagħad,
Ħalli lili nitqabad mal-għefieret
Sa ma nirbaħ u niġi niġri ħdejk
Nitħaddan miegħek fl-imsaġar ħadrana
Bin-nixxigħat ifawru l-ilma ġieri
Ma friefet ta’ kull lewn quddiem għajnejk.
Hekk wara nibqgħu tad-destin setgħana
Mill-irbit u xkiel meħlusin
Int u jien!

 

SALV SAMMUT
(mir-rumanz DIJASPORI)

 

IMKEJJEN TAL-QIMA

 

Fil-foresti, fil-ġonna, fit-toroq
l-arkitettura msaġġra
ras ma’ ras l-ewkalipti,
dirgħajn ma’ dirgħajn iserrħu
fuq l-ispallejn fi fratellanza l-pini,
l-awrikarji bi zkukhom weqfin
marsusin ma’ xulxin multi-kolonnati,
katidrali maestużi
itella’ n-Natura fid-dieher
fuq barra b’gieħ Ħallieqha.

 

Qalbha ttenni fil-ħabi tal-qalba
‘ l isfel taħt l-art
katidrali oħra tibni
għerien imsaqqfin bil-kopplati
b’linef stalagmiti
b’gandlieri stalaktiti
b’kolonni Barokki mremblin blat min fuq s’isfel
b’rikkezzi  jlellxu kristallini
u tibqa’ bil-kalċitu ssawwar
bizzilel u drappijiet tad-damask…
fuq ġewwa b’gieħ Ħallieqha
ixxebbah il-katakombi tal-insara
ħlief li għonja daqs il-minjieri
tar-Re Salamun.

 

Il-wiri minn barra,
id-dedika mad-didattika
bit-tqassit u bl-għadd taż-żibeġ
kull żibġa perlina
tinsaff għall-ħlewwa tad-devozzjoni.
Minn barra
ir-radd tas-salib
irodd it-twemmin.

 

Fil-fond moħbi ġewwieni
ir-ruħ titbiegħed mill-istedin dinji
maqdes toħloq
bil-kwiet tal-meditazzjoni Allija
fejn l-ispirazzjoni
tliegħeb bħaċ-ċarċir mal-blat
sa ma jitqawwa t-tnebbiħ
bħal-leħħ tat-tleqqijiet fil-ħaġar
mikbusa b’bews ix-Xemx
b’deffis raġġiha fid-dlam
mix-xquq
ibexxu d-dawl.

 

MANWEL CASSAR
L-Awstralja
 

GĦIXIEN FIL-PAĊI

Mill-ħolqien għamilna straġi,
sirna llum ngħixu fl-inkwiet.
“Aqbdu l-armi, ħa nissieltu,”
Kemm-il darba l-kelma dwiet!

 

Bdilna wkoll lil Alla tagħna;
saru l-flus u il-poter.
Għal daż-żewġ qawwiet infami
irahnejn(a) anki d-dover.

 

Biex intlaħqu dawn l-għanijiet
tkaxkru nies, qraba w ulied,
ċarċar demm nies innoċenti;
ma naqsux torturi, mwiet.

 

U qalb din il-ħerba kollha
jien ma nafx min hu kapaċi
jgħix fis-sliem, jorqod trankwill,
jgħaddi jiemu jgħix fil-paċi.

 

Din kulħadd jaf isemmiha,
’mma sal-lum qatt ma sibniha.
Kemm tħabatn(a), għamilna gwerer,
biex l-għixien irrawmu fiha.

 

Wieħed biss uriena t-triq.
’Mma ’l Dan aħna biċċirnih.
Hu ried sliem veru jagħtina;
Ma fhimnihx. Anzi, qtilnih.

 

CHARLES MAGRO

 

L-INGRATITUDNI

Int tagħmel minn kollox

biex tjubija turi
ma’ min hu batut
iżda dan ikun kburi.

 

Int tagħmel minn kollox
biex ħniena int turi
iżda din titpatta
bl-ingratitudni.

 

Għalxejn inti tħabrek
biex tarah kuntent
qatt grazzi ma jgħidlek
mank ħleww’għal mument.
“Baħnan int” jgħidulek
“Tgħid ma nagħmilx bħalek.
Jekk m’għandix inpaxxih,
mank biss ‘saħħa’ ma jgħidlek”.

 

Iżda lil min iħobbok –
tħobbu int – xejn speċjali
li tagħmillu il-ġid
tiġik naturali.

 

Il-bravura tintwera
meta tagħmel il-ġid
lil min ma jħobbokx,
għax sforz kbir inti trid.

 

ELIZABETH AZZOPARDI
 
This entry was posted in Updates. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *